Dan huwa il-manifest tal-elezzjoni li għaddiet.

Il-manifest l-ġdid ser jigi ippubblikat fil-jiem li ġejjin.

Jixirqilna Aħjar.

Illum, pajjiżna m’għadux aktar indipendenti.

Jikkmandawna l-iżviluppaturi, lobby groups bħall-FKNK, ċerti businessmen korrotti u dawk il-politiċi PL + PN, li huma kkontrollati minnhom.

Ma jistax jinbidel kollox mil-lejl għan-nhar. Imma naturalment, bija elett fil-Parlament, tistgħu tkunu żguri li mhux ser noqgħod b’ħalqi magħluq.

Kif dejjem għamilt matul ħajti, naħdem bil-qawwa kollha għal leġislazzjoni u riżorsi sabiex immexxu ’il quddiem tliet temi ta’ importanza kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna.

Bħala pajjiż, jixirqilna aħjar.

  • Jixirqilna ambjent nadif.
  • Jixirqilna politika nadifa.
  • Jixirqilna soċjetà ħanina.

Jixirqilna ambjent nadif.

Inħarsu l-ambjent naturali tagħna.

L-ambjent naturali tagħna huwa dak li jagħtina l-ħajja. Ir-regħba li ħakmet sezzjoni tal-popolazzjoni wasslitna biex inniġġsu l-arja tagħna, neqirdu l-art li nimxu fuqha u ndardru l-għajn li nixorbu minnha. Huwa d-dmir tagħna li nħarsu l-elementi kollha tan-natura, anki f'isem ġenerazzjonijiet Maltin futuri, għaliex l-ambjent sostenibbli li jixirqilna huwa anki garanzija għal stil ta’ ħajja aktar sana u sodisfaċenti.

Moratorja fuq żvilupp intensiv ta' bini.

Is-sbuħija naturali ta’pajjiżna, l-ispazji miftuħa u dawk pubbliċi, il-bini storiku tagħna qegħdin jintilfu, jindifnu u jinħbew taħt mostri ta' 20-30 sular, li qed jinbnew bla pjan u bla kriterju u mingħajr ma jkunu saru studji ġeoloġiċi serji qabel. Huwa dmir tagħna li nippreżervaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Jinħtieġu sentejn moratorja fuq bini għoli biex nirriflettu fuq l-iżbalji tal-imgħoddi u nippjanaw bil-għaqal għall-futur.

Inċentivi fiskali għaż-żgħażagħ fil-biedja.

L-art agrikola Maltija qed tisparixxi b'rata fenomenali biex tinbidel f'tarmak u konkos. Din il-qerda tal-art agrikola trid tieqaf u għandhom jingħataw inċentivi kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll ta' natura fiskali biex żgħażagħ Maltin jidħlu għal din l-attività tant meħtieġa fil-ħajja mgħaġġla tal-lum. L-attività agrikola mhux biss tħarsilna l-pajsaġġ u l-ambjent naturali tagħna, iżda tipprovdilna wkoll “green jobs” sostenibbli għall-intraprendituri żgħażagħ Maltin.

Għajnuna għas-sajd tradizzjonali.

Il-bijodiversità fil-baħar ta’ madwarna ilha tinqered minħabba metodi ta' sajd slavaġ, li ma jirrispettawx iċ-ċiklu naturali tal-ħajja tal-flora u tal-fawna tal-baħar. Għaldaqstant, irid ikun hemm infurzar strett biex is-sajd fl-ibħra ta' madwarna jiġi limitat għal metodi tradizzjonali, li jagħtu ċans lill-bijodiversità tirkupra mill-qagħda mwiegħra li tinsab fiha.

Jinżamm aċċess pubbliku ħieles għal kull parti tal-kosta Maltija.

Il-liġi tad-demanju pubbliku ma għandhiex tibqa’ "lettera morta" li ma tiswiex il-karta li hija miktuba fuqha. Kull rokna tal-kosta Maltija għandha tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku, dejjem u kullimkien.

Malta “carbon żero” sal-2050.

It-tranżizzjoni ekoloġika li qed tgħaddi minnha d-dinja industrijalzzata bilkemm misset lil Malta. Hemm bżonn li pajjiżna jħaddan minnufih politika serja ambjentali li tipprivileġġa r-riċerka u l-investiment fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, bħalma huma x-xemx, ir-riħ, l-enerġija mill-mewġ, u l-idroġenu.

Trasport pubbliku li jaħdem kif suppost, regolari u ta' min jorbot fuqu.

Bħala pajjiż, jixirqilna aħjar.Biex trasport pubbliku b’xejn jaqdi l-funzjoni meħtieġa li jnaqqas drastikament il-karozzi privati minn fuq it-toroq, jinħtieġ li n-numru tal-karozzi tal-linja jiżdied b’almenu d-doppju, li dawn joperaw almenu 20 siegħa kuljum u, fir-rush hour jitilqu kull ħames minuti mill-venda. B’hekk biss nistgħu niżguraw trasport pubbliku funzjonanti, regolari u puntwali.

Protezzjoni tal-mogħdijiet pubbliċi kollha ta' pajjiżna permezz tal-immappjar tagħhom

Il-mogħdijiet pubbliċi ta’pajjiżna huma wirt importanti u jagħtu aċċess għall-kampanja miftuħa lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Dawn il-mogħdijiet għandhom jiġu protetti billi jiġu mmappjati minn Awtorità kompetenti li tiżgura li l-aċċess għalihom jinżamm ħieles.

Jissaħħah is-servizz tal-fast ferries.

L-iżvilupp pożittiv ta’ servizz ta’ fast ferry għandu jitkompla billi tiġi esplorata l-possibilità ta’ servizz minn Għawdex għax-Xemxija – Tas-Sliema – Valletta, b’konnessjonijiet ma’ Smart City – ix-Xgħajra- Marsascala - Marsaxlokk u lura.

Nindukraw il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex.

Il-ħerba li qed isseħħ f'Għawdex bil-bini salvaġġ u bla pjanifikazzjoni intelliġenti, trid tieqaf minnufih. Irridu nindukraw is-sbuħija naturali ta' Għawdex mhux biss għal raġunijiet estetici, iżda wkoll għax din hija l-pern li fuqu tibbaża ruħha l-ekonomija tal-gżira.

Jixirqilna politika nadifa.

Tissaħħaħ it-trasparenza fil-governanza.

Għandhom jissaħħu l-istituzzjonijiet li jissalvagwardjaw il-governanza tajba fil-pajjiż, partikolarment l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u tal-Ombudsman. Għandhom jitneħħew il-proċeduri ġodda li ddaħħlu fis-servizz pubbliku li permezz tagħhom ħafna mill-ingaġġar fis-servizz ġie ċċentralizat madwar l-Ufficċju tal-Prim Ministru, b’suspetti serji ta’ indħil politiku fil-ħatriet.

Socjetà mibnija fuq il-meritokrazija.

Il-kultura tal-klijenteliżmu, tal-pjaċiri u tal-favoritiżmi ħolqot socjetà inġusta u inegwaljanzi intollerabbli. Opportunitajiet ugwali, level playing field u l-meritokrazija għandhom jikkostitwixxu l-boxxla morali li tiggwidana.

Jissaħħu l-poteri tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.

Matul is-snin il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni ma weritx li kienet strument b’saħħtu sabiex tiġġieled il-korruzzjoni. Fl-istess ħin, il-fatti ta’ dawn l-aħħar snin juru kemm il-korruzzjoni hija pjaga li ħakmet lil pajjiżna. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha jkollha strutturi adegwati sabiex tkun tista’ taħdem b’mod inċisiv u b’saħħtu.

Titneħħa kull preskrizzjoni fil-funzjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika wera li ħoloq uffiċċju kredibbli li qed izomm lill-politiċi eletti tal-pajjiż responsabbli għal għemilhom. Dan ix-xogħol għandu jissaħħaħ billi titnehħa kull preskrizzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-imġiba ta’ uffiċjali pubbliċi.

Għandhom jiġu ppubblikati l-Inkjesti Maġisterjali kollha.

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, kull inkjesta maġisterjali għandha tiġi pubblikata, bħala parti normali mill-proċedura ta’ dawn l-inkjesti. Fl-istess ħin, id-drittijiet tal-partijiet kollha involuti fl-inkjesta għandhom jiġu salvagwardati.

Kull kuntratt jew ftehim dubjuż tal-gvern għandu jiġi ppubblikat u investigat.

Kull kuntratt jew ftehim dubjuż tal-gvern li għandu xamma ta’ tixħim jew korruzzjoni (bħall-ħafna ffirmati taħt ir-responsabbiltà tal-ex-Ministru Konrad Mizzi) għandu jiġi ppubblikat u investigat.

Titwaqqaf mill-ġdid Awtorità tal-Ippjanar onesta u nadifa.

L-Awtorità tal-Ippjanar tilfet kull kredibilità maċ-ċittadini tal-pajjiż u qed titqies bħala għodda kontra l-ambjent u favur l-iżviluppaturi u l-ispekulaturi. Hemm bżonn bidla mill-qiegħ li twassal biex il-membri tal-Awtorità jkunu esperti fil-qasam, totalment indipendenti mill-industrija tal-bini u ħielsa minn kull possibilità ta’ kunflitt ta’ interess. L-Awtorità għandha titwaqqaf mill-ġdid sabiex tassew terġa’ lura għal dik li għandha tkun: għodda importanti li tħares bl-aħjar mod ir-riżorsa limitata ta’ art li għandna f’pajjiżna.

Jixirqilna soċjetà ħanina.

Mudell ekonomiku favur ir-resident.

Waqt li l-aspett makroekonomiku għandu dejjem jinżamm quddiem għajnejna fl-ippjanar ekonomiku, l-aspett ċentrali għandu jkun fuq il-ħtiġijiet bażiċi tar-resident normali li jaqlagħha u jikolha.

Salarju bażiku minimu u deċenti.

Il-paga minima preżenti mhijiex biżżejjed biex persuna weħidha tgħix hajja deċenti, aħseb u ara familja. Għandu jiġi mfassal salarju bażiku nazzjonali minimu li jippermetti għajxien dinjituż għal kull persuna.

Sussidji fuq l-Internet, il-mobile, id-dawl u l-ilma għall-pensjonanti.

Il-pensjonanti jixirqilhom appoġġ u sostenn wara ħajja ta’ ħidma u xogħol. Il-pensjonanti qegħdin kull sena jsibu aktar diffikultà sabiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja bil-pensjoni tagħhom biss. Sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl, tal-mobile, l-ilma u l-internet għall-pensjonanti jkun sinjal konkret ta’ sostenn għalihom.

Persuni b’diżabilità.

L-investiment għas-servizzi fil-komunità għal persuni b’diżabilità għandu jkun aktar qawwi. Hemm bżonn li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani suffiċjenti biex jitwessgħu s-servizzi komunitarji meħtieġa għall-inklużjoni aktar wiesgħa fil-komunità u għat-tnaqqis tal-istituzzjonalizzazzjoni. Jinħtieġ li s-servizzi edukattivi, tas-saħħa u tad-diżabilità mmirati lejn il-persuni minn gruppi ta’ diżabilitajiet differenti jkunu msejsa fuq approċċ ċentrat fuq l-individwu, u jinħtieġ ukoll li jkunu orjentati lejn il-ħtiġijiet tal-familja, billi jkunu aktar flessibbli u titnaqqas il-burokrazija attwali.

Iktar investiment f’faċilitajiet u programmi sportivi.

Għandu jiżdied l-investiment f’faċilitajiet u programmi sportivi sabiex inkomplu nsaħħu kultura pożittiva favur l-isport, mhux biss fuq livell kompetittiv, iżda wkoll bħala eżerċizzju fiżiku. Il-premjijiet fi flus għar-rebħ ta’ medalji f’kompetizzjonijiet prestiġġjużi għandhom jiżdiedu sostanzjalment.

Ir-riċerka u l-iżvilupp.

Malta tinvesti biss 1% tal-Prodott Gross Nazzjonali tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp, waqt li l-medja Ewropea hija ta’ 3%. Jinħtieġ li pajjiżna jilħaq almenu l-medja Ewropea.

It-titjib u l-indukrar tal-attivitajiet kulturali u artistiċi.

Il-kriżi tal-Covid uriet b’mod evidenti li l-bniedem għandu bżonn jingaġġa f’attivitajiet kulturali u artistiċi. Għandu jkun hemm żieda sostanzjali fil-fondi li jippromwovu l-attività artistika-kulturali u biex jgħinu lil dawk li bil-kreattività tagħhom joħolqu din l-attività. Dan kollu jservi mhux biss biex jinżammu postijiet tax-xogħol u jinħolqu postijiet ġodda iżda wkoll biex tiġi stimulata l-kreattività u l-analiżi kritika, li huma komponenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika.

Trattament rispettuż tal-annimali.

Waqt li sar ħafna progress fil-qasam tal-benessri tal-annimali, il-ħafna każi ta’ maltrattament li għadhom iseħħu juru li għad hemm ħafna xi jsir f’dan il-qasam. Għandu jiżdied l-appoġġ għal kampanji edukattivi fl-iskejjel li jitilqu mill-prinċipju bażiku li l-annimali, bħall-bnedmin, huma ħlejjaq li jħossu.

Appoġġa lil Arnold Cassola


Ibgħatli messagg fuq Facebook Messenger biex tara kif tista’ tgħinni permezz ta’ donazzjoni jew billi tivvolontiera. Tista’ tuża l-ikona taċ-chat fuq din il-paġna jew inkella tkellimni direttament fuq Facebook.

www.arnoldcassola.eu