Issa ċ-ċans!

Għal malta ġusta, moderna
B’Saħħitha u sabiħa

JIXIRQILNA AĦJAR ... f’Malta, fl‑Ewropa

Illum f’pajjiżna qegħdin f’sitwazzjoni fejn min jiflaħ iħawwel. Dan ġab miegħu element qawwi ta’ arroganza u bażużliżmu, li spiċċa qatel kull kunċett ta’ meritokrazija u ugwaljanza. Saru jikkmandawna l‑iżviluppaturi tal‑Malta Developers’ Association, il‑lobby groups bħall‑FKNK, ċerti negozjanti korrotti u dawk il‑politiċi tal‑PL u l‑PN li huma kkontrollati minnhom.

Il‑Maltin onesti jridu ambjent isbaħ u aħjar, sistema soċjali ġusta, kontabilità u governanza nadifa.

Arnold Cassola fil‑Parlament Ewropew jaħdem bil‑qawwa kollha għal leġislazzjoni u riżorsi sabiex immexxu ’l quddiem erba’ temi ta’ importanza kruċjali għall‑futur ta’ pajjiżna.

Bħala pajjiż, jixirqilna aħjar.

  • Jixirqilna ambjent nadif 
  • Jixirqilna politika nadifa
  • Jixirqilna soċjetà ħanina u ġusta
  • Jixirqilna futur ta’ tama għaż‑żgħażagħ tagħna

JIXIRQILNA AMBJENT NADIF

L‑ambjent naturali tagħna huwa dak li jagħtina l‑ħajja. Ir‑regħba li qed taħkem f’pajjiżna wasslitna biex inniġġsu l‑arja tagħna, neqirdu l‑art li nimxu fuqha u ndardru l‑għajn li nixorbu minnha. Huwa d‑dmir tagħna li nisfruttaw b’mod għaqli l‑leġislazzjoni Ewropea ħalli nħarsu l‑elementi kollha tal‑ambjent tagħna, anki f’isem ġenerazzjonijiet Maltin futuri, għaliex l‑ambjent sostenibbli li jixirqilna huwa anki garanzija għal stil ta’ ħajja aktar san u sodisfaċenti.

Regolamenti tal‑bini

Tnaqqis fil‑hinijiet tal‑kostruzzjoni (8 am – 5 pm) ghall‑benefiċċju tas‑saħħa mentali tar‑residenti u tas‑sigurtà tal‑ħaddiema. Għandu jkun effettivament implimentat l‑infurzar tar‑regola li ma għandu jsir l‑ebda xogħol ta’ kostruzzjoni fil‑Ħdud u l‑festi.

Moratorja fuq żvilupp intensiv ta' bini

Is‑sbuħija naturali ta’ pajjiżna, l‑ispazji miftuħa u dawk pubbliċi, il‑bini storiku tagħna, qegħdin jintilfu, jindifnu u jinħbew taħt mostri ta’ 20‑30 sular, li qed jinbnew bla pjan u bla kriterju u mingħajr ma jkunu saru studji ġeoloġiċi serji qabel. Ġojjelli bħall‑Belt Valletta u l‑Ġgantija qegħdin f’riskju li jitilfu l‑istatus tagħhom ta’ wirt kulturali dinji. Huwa dmir tagħna li nippreżervaw il‑wirt kulturali tagħna għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk naħdem mhux biss biex nagħmlu l‑aħjar użu tal‑fondi Ewropej għal skopijiet kulturali, iżda wkoll biex ikun hemm sentejn moratorja fuq bini intensiv u għoli (highrises) biex nirriflettu fuq l‑iżbalji tal‑imgħoddi u nippjanaw bil‑għaqal għall‑futur.

Għajnuna għas‑sajd tradizzjonali

Il‑bijodiversità fil‑baħar ta’ madwarna ilha tinqered minħabba metodi ta’ sajd slavaġ, li ma jirrispettawx iċ‑ċiklu naturali tal‑ħajja tal‑flora u tal‑fawna tal‑baħar. Għaldaqstant, irid ikun hemm infurzar strett biex is‑sajd fl‑ibħra ta’ madwarna jiġi limitat għal metodi tradizzjonali, li jagħtu ċans lill‑bijodiversità tirkupra mill‑qagħda mwiegħra li tinsab fiha. Dan nistgħu nagħmluh anki permezz tal‑Fond Ewropew tas‑Sajd (EFF), li huwa fond ta’ għajnuna għas‑sajjieda biex jgħinhom finanzjarjament jaddattaw għall‑bidliet fil‑kundizzjonijiet tas‑settur, waqt li jkunu ekoloġikament sostenibbli.

Jinżamm aċċess pubbliku ħieles għal kull parti tal‑kosta Maltija

Il‑liġi tad‑demanju pubbliku ma għandhiex tibqa’ lettera morta li ma tiswiex il‑karta li hija miktuba fuqha. Kull rokna pubblika tal‑kosta Maltija għandha tibqa’ aċċessibbli għall‑pubbliku, dejjem u kullimkien.

Nieħu azzjoni sabiex f’Malta nimxu mal‑politika tal‑Unjoni Ewropea sabiex il‑beach concessions ikunu soġġetti għal proċedura ta’ għażla imparzjali u trasparenti. Sar hemm wisq żoni tal‑kosta pubblika li marru f’idejn il‑bażużli tas‑soltu, u nintrabat biex nindirizza din il‑kwistjoni fuq livell Ewropew.

Malta carbon żero sal‑2050

It‑tranżizzjoni ekoloġika li qed tgħaddi minnha d‑dinja industrijalizzata bilkemm misset lil Malta. Hemm bżonn li pajjiżna jħaddan minnufih politika serja ambjentali li tipprivileġġa r‑riċerka u l‑investiment fl‑oqsma tal‑enerġija rinnovabbli, bħalma huma x‑xemx, ir‑riħ, l‑enerġija mill‑mewġ, l‑idroġenu u l‑enerġija ġeotermika.

Enerġija Rinnovabbli

Il‑proċess biex jitwaqqfu l‑wind farms u solar farms offshore għandu jitgħaġġel. Għal dan il‑għan, Malta għandha tintensifika l‑aċċess tagħha għal programmi ta’ għajnuna Ewropea, bħalma hu l‑Horizon Europe Cluster 5, li jipprovdi fondi għar‑riċerka u l‑innovazzjoni fil‑qasam tal‑windfarms offshore u l‑ġenerazzjoni tal‑enerġija mill‑baħar.

Naħdem sabiex niffaċilitaw it‑twaqqif ta’ kooperattivi għall‑enerġija rinnovabbli u proġetti tal‑komunità għall‑ġenerazzjoni u l‑kondiviżjoni tal‑enerġija, bħal fil‑każ tal‑pannelli solari fuq djar privati.

Il‑mixja lejn żero plastik

Nipproponi roadmap dwar l‑użu tal‑plastik, bħala parti mill‑isforz Ewropew ta’ Malta għad‑dekarbonizzazzjoni. Jiġi eliminat il‑plastik li jista’ jintuża darba biss, u jinbeda proġett biex jitneħħa gradwalment il‑packaging tal–plastik mis‑supermarkets permezz ta’ diskussjoniiet mal‑produtturi, l‑importatur u l‑bejjiegħ. L‑istess għar‑ristoranti u stabbilmenti oħra tal‑ikel. Fl‑istess ħin, naħdem fil‑Parlament Ewropew ukoll biex titwaqqaf sistema kontra l‑ħela tal‑ikel kif ukoll biex tissaħħaħ il‑leġiżlazzjoni għat‑tnaqqis tal‑iskart tal‑packaging.

Id‑dekarbonizzazzjoni tal‑industrija u t‑tibdil fil‑klima

Filwaqt li huma xierqa l‑isforzi għad‑dekarbonizzazzjoni tal‑industrija, irridu nkunu konxji mill‑qagħda partikolari ta’ pajjiżna, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċertu mezzi ta’ trasportazzjoni. Fil‑qasam tal‑ajru, għandha tinżamm il‑possibbilità tal‑moviment ħieles u vvjaġġar bi prezzijiet affordabbli, fil‑każ tagħna bħala gżira maqtugħa mill‑kontinent. Minkejja li taxxa fuq il‑karbonju għall‑fjuwil tal‑ajruplani żgur tikkontribwixxi għad‑dekarbonizzazzjoni, din it‑taxxa għandha tiġi limitata għall‑ajruplani privati, u għall‑futur prevedibbli għandhom ikun eżenti minn din it‑taxxa t‑titjiriet kummerċjali bi skeda.

Il‑ġbir tal‑iskart

Ir‑responsabbiltà tal‑ġbir tal‑iskart għandha terġa’ lura għand il‑Kunsilli Lokali, wara l‑falliment evidenti li qed naraw ta’ kuljum fil‑każ tal‑amminsitrazzjoni min‑naħa tar‑reġjuni. F’dan il‑każ, sejjer nargumenta favur il‑flessibbiltà dwar l‑użu tal‑fondi reġjonali Ewropej sabiex il‑kunsilli jgawdu minn finanzjament Ewropew għall‑ġbir tal‑iskart.

Trasport pubbliku li jaħdem kif suppost, regolari u ta’ min jorbot fuqu

Biex trasport pubbliku b’xejn jaqdi l‑funzjoni meħtieġa li jnaqqas drastikament il‑karozzi privati mit‑toroq, jinħtieġ li n‑numru tal‑karozzi tal‑linja jiżdied b’almenu d‑doppju, li dawn ikunu jaħdmu bl‑elettriku, li dawn kollettivament joperaw almenu 20 siegħa kuljum, u fir‑rush hour jitilqu kull ħames minuti mill‑venda. B’hekk biss nistgħu niżguraw trasport pubbliku funzjonanti, regolari u puntwali.

Proġetti kbar tal‑UE

Għandu jkun hemm dejjem konsultazzjoni pubblika obbligatorja fuq proġetti ta’ ċertu kobor, minn €1 miljun ’il fuq, iffinanzjati mill‑Unjoni Ewropea qabel ma jiġu kommessi l‑flus għall‑proġett.

Protezzjoni tal‑mogħdijiet pubbliċi kollha ta’ pajjiżna permezz tal‑immappjar tagħhom

Il‑mogħdijiet pubbliċi ta’ pajjiżna huma wirt importanti u jagħtu aċċess għall‑kampanja miftuħa lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Dawn il‑mogħdijiet għandhom jiġu protetti billi jiġu mmappjati minn Awtorità kompetenti li tiżgura li l‑aċċess għalihom jinżamm ħieles.

Jissaħħah is‑servizz tal‑fast ferries

L‑iżvilupp pożittiv ta’ servizz ta’ fast ferry għandu jitkompla billi tiġi esplorata l‑possibilità ta’ servizz minn Għawdex għax‑Xemxija – Tas‑Sliema – Valletta, b’konnessjonijiet ma’ Smart City – ix‑Xgħajra – Marsascala – Marsaxlokk u lura.

Nindukraw il‑karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex Reġjun

Inwaqqfu l‑farsa ta’ Għawdex bħala reġjun semi‑awtonomu li madankollu ma jiffunzjonax. Għawdex għandu jsir reġjun Ewropew tassew, b’kunsill reġjonali elett direttament mir‑residenti tiegħu, sabiex ikun jista’ jgawdi aħjar mill‑fondi Ewropej. Il‑ħerba li qed isseħħ f’Għawdex bil‑bini salvaġġ u bla ppjanar intelliġenti, trid tieqaf minnufih. Irridu nindukraw is‑sbuħija naturali ta’ Għawdex mhux biss għal raġunijiet estetici, iżda wkoll għax din hija l‑pern li fuqu tibbaża ruħha l‑ekonomija tal‑gżira.

JIXIRQILNA POLITIKA NADIFA

Malta teħtieġ mixja fundamentali lejn politika nadifa għal futur ġust u sostenibbli. Fl‑għarfien li l‑integrità politika hija s‑sies ta’ demokrazija li taħdem kif xieraq, għandna nagħtu l‑importanza ewlenija lit‑trasparenza, il‑kontabilità u l‑imġiba etika f’kull aspett tal‑governanza. Bis‑saħħa tat‑trawwim ta’ kultura li trażżan il‑korruzzjoni u tippromwovi mod miftuħ u trasparenti ta’ tmexxija, nibnu politika li sservi ġenwinament lin‑nies u fl‑istess ħin taħdem lejn ambjent sostenibbli u demokrazija b’saħħitha.

Tissaħħaħ it-trasparenza fil-governanza.

Għandhom jissaħħu l‑istituzzjonijiet li jissalvagwardjaw il‑governanza tajba fil‑pajjiż, partikolarment l‑Uffiċċju tal‑Awditur Ġenerali u tal‑Ombudsman. Bħala MEP, naħdem biex jitneħħew il‑proċeduri ġodda li ddaħħlu fis‑servizz pubbliku li permezz tagħhom ħafna mill‑ingaġġar fiċ‑ċivil ġie ċċentralizat madwar l‑Ufficċju tal‑Prim Ministru, b’suspetti serji ta’ indħil politiku fil‑ħatriet.

L‑istat tad‑dritt

Bejn il‑kliem u l‑fatti, hemm baħar jikkumbatti. L‑Unjoni Ewropea trid twettaq dak li tgħid li temmen fih, u taħdem aktar biex iżżid il‑fiduċja tal‑Maltin fiha. Trid timxi bil‑kejl ix‑xieraq ma’ Malta: tagħrafha bħala pajjiż żgħir b’realtajiet partikolari u differenti mill‑bqija tal‑kontinent, fejn mhux bilfors miżura waħda hija tajba għal kulħadd. Fl‑istess ħin, trid timxi b’ġustizzja fejn tara li l‑politiċi Maltin qed jiżbaljaw, u dan sabiex tipproteġi liċ‑ċittadini u tiggarantilhom id‑drittijiet demokratiċi kollha tagħhom.

Kumitati Parlamentari ad hoc

Bħala MEP naħdem biex jitwaqqfu aktar Kumitati Parlamentari ad hoc fil‑Parlament Malti, fuq il‑mudell tal‑Parlament Ewropew, biex jiġu investigati skandli nazzjonali ġodda, bħal dak tal‑frodi tal‑pensjoni tad‑diżabilità, li jinqalgħu minn żmien għall‑ieħor.

Definizzjoni usa’ tal‑kunċett ta’ interess ġuridiku

Bħala MEP, nistinka biex nagħmel pressjoni fuq il‑livell Ewropew biex il‑gvern Malti jkollu liġijiet u miżuri li jiddefinixxu mill‑ġdid u b’mod usa’ ir‑rekwiżit tal‑interess ġuridiku ħalli jkun aktar faċli għal individwi u NGOs ikollhom aċċess għall‑qrati sabiex jisfidaw legalment l‑azzjonijiet tal‑gvern u tal‑awtoritajiet pubbliċi.

Jissaħħu l‑poteri tal‑Kummissjoni kontra l‑Korruzzjoni

Matul is‑snin il‑Kummissjoni kontra l‑Korruzzjoni ma wrietx li kienet strument b’saħħtu sabiex tiġġieled il‑korruzzjoni. Fl‑istess ħin, il‑fatti ta’ dawn l‑aħħar snin juru kemm il‑korruzzjoni hija pjaga li ħakmet lil pajjiżna. Għalhekk, bħala MEP, naħdem biex il‑Kummissjoni jkollha strutturi adegwati sabiex tkun tista’ taħdem b’mod inċisiv u b’saħħtu.

Titneħħa kull preskrizzjoni fil‑funzjonijiet tal‑Kummissarju tal‑Istandards fil‑Ħajja Pubblika

Il‑Kummissarju tal‑Istandards fil‑Ħajja Pubblika suppost qed iżomm lill‑politiċi eletti tal‑pajjiż responsabbli għal għemilhom.

Sfortunatament, minħabba l‑preskrizzjoni eżistenti ta’ sena, il‑Kummissarju ftit li xejn jista’ jaġixxi. Bħala MEP, nagħmel pressjoni, anki f’fora Ewropej, biex titnehħa kull preskrizzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal‑imġiba ta’ uffiċjali pubbliċi.

Għandhom jiġu ppubblikati l‑Inkjesti Maġisterjali kollha

Sabiex tissaħħaħ it‑trasparenza, fil‑funzjonijiet tiegħi ta’ MEP nistinka biex kull inkjesta maġisterjali f’Malta ma tibqax tinżamm mistura, iżda tiġi pubblikata, bħala parti normali mill‑proċedura ta’ dawn l‑inkjesti. Fl‑istess ħin, id‑drittijiet tal‑partijiet kollha involuti fl‑inkjesta għandhom jiġu salvagwardati.

Kull kuntratt jew ftehim dubjuż tal‑gvern għandu jiġi ppubblikat u investigat

Bħala MEP, naħdem biex kull kuntratt jew ftehim dubjuż tal‑gvern li għandu xamma ta’ tixħim jew korruzzjoni (bħall‑ħafna ffirmati taħt ir‑responsabbiltà tal‑ex‑Ministru Konrad Mizzi) għandu jiġi ppubblikat, fl‑intier tiegħu, u investigat.

Titwaqqaf mill‑ġdid Awtorità tal‑Ippjanar onesta u nadifa

L‑Awtorità tal‑Ippjanar tilfet kull kredibilità maċ‑ċittadini tal‑pajjiż u qed titqies bħala għodda kontra l‑ambjent u favur l‑iżviluppaturi u l‑ispekulaturi. Hemm bżonn bidla mill‑qiegħ li twassal biex il‑membri tal‑Awtorità jkunu esperti fil‑qasam, totalment indipendenti mill‑industrija tal‑bini u ħielsa minn kull possibilità ta’ kunflitt ta’ interess.

L‑Awtorità għandha titwaqqaf mill‑ġdid sabiex tassew terġa’ lura għal dik li għandha tkun: għodda importanti li tħares bl‑aħjar mod ir‑riżorsa limitata ta’ art li għandna f’pajjiżna.

Il‑ġustizzja fiskali

Issa li Malta obbligata żżid it‑tassazzjoni korporattiva fuq il‑profitti ta’ kumpaniji barranin għal minimu ta’ 15%, bħala MEP nipproponi żieda gradwali ta’ 3% fis‑sena (għal 5 snin) tat‑tassazzjoni korporattiva fuq il‑profitti għall‑kumpaniji barranin. Dan sabiex tilħaq 20%, akkumpanjata minn tnaqqis gradwali annwali ta’ 3% taxxa (għal 5 snin) fuq il‑profitti korporattivi għall‑kumpaniji Maltin, sabiex jintlaħaq 20% finali għall‑kumpaniji kollha, irrispettivament min‑nazzjonalità, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd.

JIXIRQILNA SOĊJETÀ ĦANINA U ĠUSTA

Mudell ekonomiku “resident friendly”

Waqt li l‑aspett makroekonomiku għandu dejjem jinżamm quddiem għajnejna fl‑ippjanar ekonomiku, l‑aspett ċentrali għandu jkun fuq il‑ħtiġijiet bażiċi tar‑resident normali li jaqlagħha u jikolha. Il‑mudell ekonomiku tagħna għandu jimxi lejn wieħed favur iċ‑ċittadin u r‑resident. Naħdmu lejn viżjoni ta’ soċjetà ġusta u ħanina li tagħraf li l‑ugwaljanza soċjali hija marbuta sfiq mas‑sostenibbiltà ambjentali.

Iż‑żieda fl‑għoli tal‑ħajja: l‑Akkwist Kollettiv

L‑għoli tal‑ħajja li qed jiżdied kontinwament qed ikollu impatt enormi fuq iċ‑ċittadini Ewropej u Maltin, u qed jimbuttahom aktar lejn il‑livell tal‑faqar. Biex iżżomm il‑prezzijiet stabbli, l‑UE għandha tagħti bidu serju għall‑Akkwist Kollettiv, fuq il‑mudell tal‑vaċċin tal‑Covid u tax‑xiri tal‑gass, fir‑rigward tal‑ħtiġijiet bażiċi tal‑ħajja ta’ kuljum, bħaċ‑ċereali, il‑ħtiġijiet bażiċi tal‑ikel u l‑mediċini.

Paga Ugwali għal Xogħol Ugwali

Prinċipju sagru fejn in‑nisa għandhom jitħallsu l‑istess bħall‑irġiel għall‑istess xogħol. U l‑bnedmin kollha għandhom jitħallsu l‑istess għall‑istess xogħol. Iżda, apparti dawn il‑kliem u ideat sbieħ, Malta mimlija segretarji, care workers, gwardji tas‑sigurtà eċċ. li jitħallsu inqas jekk ikunu impjegati ma’ aġenziji jew kumpaniji privati, għalkemm jaħdmu spalla ma’ impjegati tal‑istat li jitħallsu aktar biex jagħmlu l‑istess xogħol. Bħala MEP, se naħdem biex insewwi dawn l‑inugwaljanzi.

Salarju bażiku minimu u deċenti

Il‑paga minima preżenti mhijiex biżżejjed biex persuna weħidha tgħix hajja deċenti, aħseb u ara familja. Għandu jiġi mfassal salarju bażiku nazzjonali minimu li jippermetti għajxien dinjituż għal kull persuna. Bħala MEP, naħdem biex s‑salarju minimu f’Malta jkun aktar mill‑Purchasing Power Parities Standards (PPPS), kif stabbilit fl‑Ewropa.

Persuni b’diżabilità

għandu jkun aktar qawwi. Hemm bżonn li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani suffiċjenti biex jitwessgħu s‑servizzi komunitarji meħtieġa għall‑inklużjoni aktar wiesgħa fil‑komunità u għat‑tnaqqis tal‑istituzzjonalizzazzjoni. Jinħtieġ li s‑servizzi edukattivi, tas‑saħħa u tad‑diżabilità mmirati lejn il‑persuni minn gruppi ta’ diżabilitajiet differenti jkunu msejsa fuq approċċ ċentrat fuq l‑individwu, u jinħtieġ ukoll li jkunu orjentati lejn il‑ħtiġijiet tal‑familja, billi jkunu aktar flessibbli u titnaqqas il‑burokrazija attwali.

Bħala MEP, nahdem biex niżgura li jiġi attwat f’Malta il‑Prinċipju 17 tal‑Pilastru Ewropew tad‑Drittijiet Soċjali, li jenfasizza li l‑persuni b’diżabilità għandhom id‑dritt għal appoġġ għall‑introjtu li jiżgura għajxien dinjituż, servizzi li jippermettulhom jipparteċipaw fis‑suq tax‑xogħol u fis‑soċjetà, u ambjent tax‑xogħol adattat għall‑ħtiġijiet tagħhom.

Pensjonijiet ġusti u sussidji fuq internet, mobile, dawl u ilma għall‑pensjonanti

Il‑pensjonanti jixirqilhom appoġġ u sostenn wara ħajja ta’ ħidma u xogħol. Il‑pensjonanti qegħdin kull sena jsibu aktar diffikultà sabiex ilaħħqu mal‑għoli tal‑ħajja bil‑pensjoni tagħhom biss. Sussidju fuq il‑kontijiet tad‑dawl, tal‑mobile, l‑ilma u l‑internet għall‑pensjonanti jkun sinjal konkret ta’ sostenn għalihom.

Bħala MEP, inkompli nistinka biex jissaħħu l‑liġijiet kontra d‑diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, fil‑livell tal‑UE, li jiżguraw li dawn jiġu implimentati bis‑sħiħ fl‑Istati Membri sabiex tiġi eliminata d‑diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, bħal fil‑pensjonijiet għall‑pensjonanti mwielda qabel l‑1962 f’Malta u l‑kontribuzzjonijiet għal ommijiet li twieldu qabel l‑1952, jew bejn l‑1952 u l‑1961 f’Malta.

It‑titjib u l‑indukrar tal‑attivitajiet kulturali u artistiċi

Il‑kriżi tal‑Covid uriet b’mod evidenti li l‑bniedem għandu bżonn jingaġġa f’attivitajiet kulturali u artistiċi. Għandu jkun hemm żieda sostanzjali fil‑fondi li jippromwovu l‑attività artistika u kulturali, u biex jgħinu lil dawk li bil‑kreattività tagħhom joħolqu din l‑attività. Dan kollu jservi mhux biss biex jinżammu postijiet tax‑xogħol u jinħolqu postijiet ġodda iżda wkoll biex tiġi stimulata l‑kreattività u l‑analiżi kritika, li huma komponenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika.

Bħala MEP, nippromwovi fost il‑Maltin il‑programm Ewropew Culture Moves Europe, li jipprovdi għotjiet ta’ mobbilità għall‑artisti u l‑professjonisti tal‑kultura b’baġit ta’ 21 miljun ewro.

Trattament rispettuż tal‑annimali

Waqt li sar ħafna progress fil‑qasam tal‑benessri tal‑annimali, il‑ħafna każi ta’ maltrattament li għadhom iseħħu juru li għad hemm ħafna xi jsir f’dan il‑qasam. Għandu jiżdied l‑appoġġ għal kampanji edukattivi fl‑iskejjel li jitilqu mill‑prinċipju bażiku li l‑annimali, bħall‑bnedmin, huma ħlejjaq li jħossu. Il‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tal‑Annimali Domestiċi (ETS No. 125) u l‑leġislazzjoni Ewropea dwar il‑benessri tal‑annimali tal‑irziezet għandhom iservu ta’ gwida f’pajjiżna.

JIXIRQILNA FUTUR TA’ TAMA GĦAŻ‑ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA

Il‑kultura tal‑klijenteliżmu, tal‑pjaċiri u tal‑favoritiżmu ħolqot socjetà inġusta u inugwaljanzi intollerabbli. Dan qed iwassal biex bosta żgħażagħ qed jaqtgħu qalbhom u qed jemigraw barra minn Malta. Għalhekk, biex ma nitilfux dan it‑talent prezzjuż, irridu naslu għal soċjetà mibnija fuq il‑meritokrazija: l‑opportunitajiet ugwali għal kulħadd  għandhom jikkostitwixxu l‑boxxla morali li tiggwidana.

Innovazzjoni, Intelliġenza Artifiċjali, Soċjetà Diġitali

Malta ilha fl‑aħħar post fl‑Ewropa fejn jidħlu r‑riċerka u l‑innovazzjoni. Jekk ma nagħtux imbuttatura qawwija lil dan il‑qasam, tkompli l‑ħarba tal‑imħuħ taż‑żgħażagħ tagħna, li ġa bdiet u kull ma jmur qed tiżdied. Għalhekk, naħdem biex immexxi l‑prijorità għal Malta biex tinvesti aktar fir‑Riċerka u l‑Innovazzjoni, fejn il‑medja Ewropea hija ta’ 3% filwaqt li Malta tinvesti biss 0.6% tal‑Prodott Domestiku Gross tagħha. It‑twaqqif ta’ Ċentru Nazzjonali, dedikat esklussivament għar‑riċerka, huwa assolutament neċessarju. Irridu nimmiraw biex nilħqu l‑medja Ewropea attwali sabiex iż‑żgħażagħ tagħna jkunu motivati u megħjuna jkomplu jaħdmu u jikkontribwixxu l‑ħiliet tagħhom f’Malta.

Inċentivi fiskali għaż‑żgħażagħ fil‑biedja

L‑art agrikola Maltija qed tisparixxi b’rata fenomenali biex tinbidel f’tarmak u konkos jew f’żoni rikreattivi għall‑użu privat. Din il‑qerda tal‑art agrikola trid tieqaf u għandhom jingħataw inċentivi kemm fil‑qasam edukattiv kif ukoll ta’ natura fiskali biex iż‑żgħażagħ Maltin jidħlu għal din l‑attività tant meħtieġa fil‑ħajja mgħaġġla tal‑lum. L‑attività agrikola mhux biss tħarsilna l‑pajsaġġ u l‑ambjent naturali tagħna, iżda tipprovdilna wkoll green jobs sostenibbli għall‑intraprendituri żgħażagħ Maltin.

Għal dan il‑għan, irridu nagħmlu l‑aħjar użu tal‑Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (EAGF), li jgħin lill‑bidwi ż‑żgħir jipprovdi provvisti żguri ta’ ikel bnin, san u affordabbli. Naħdem sabiex il‑bdiewa, bis‑saħħa ta’ dan il‑fond, igawdu minn skemi ta’ pagamenti għal metodi ta’ biedja sostenibbli u pagamenti għall‑bdiewa żgħażagħ.

Żgħażagħ: il‑bolla 16‑18

Bħala MEP, naħdem biex il‑bolla li ż‑żgħażagħ li jaħdmu jkunu ħallsu bejn l‑età ta’ 16 u 18‑il sena ma tibqax ma tiġix kkalkulata għall‑fini tal‑pensjoni. Din hija diskriminazzjoni oħra bbażata fuq l‑età, li m’għandhiex tibqa’ fis‑seħħ.

Iktar investiment f’faċilitajiet u programmi sportivi

Għandu jiżdied l‑investiment f’faċilitajiet u programmi sportivi sabiex inkomplu nsaħħu kultura pożittiva favur l‑isport, mhux biss fuq livell kompetittiv, iżda wkoll bħala eżerċizzju fiżiku. Għandu jiżdied ukoll il‑ħin l‑iskola ddedikat lill‑isport u attivitajiet fiżiċi u sportivi ekstrakurrikulari.

Il‑premjijiet fi flus għar‑rebħ ta’ medalji f’kompetizzjonijiet prestiġġjużi għandhom jiżdiedu sostanzjalment.

Meta jinbnew impjanti sportivi, għandu jkun żgurat li dawn jirrispettaw standards minimi biex ikunu jistgħu jinżammu kompetizzjonijiet internazzjonali fihom, waqt li d‑deadlines għall‑bini ta’ dawn l‑impjanti ghandhom jinżammu b’mod strett.

Appoġġa lil Arnold Cassola


Ibgħatli messagg fuq Facebook Messenger biex tara kif tista’ tgħinni permezz ta’ donazzjoni jew billi tivvolontiera. Tista’ tuża l-ikona taċ-chat fuq din il-paġna jew inkella tkellimni direttament fuq Facebook.

www.arnoldcassola.eu