Ejja Nitkellmu

L-elezzjoni ġiet u marret, ir-riżultat kien dak mistenni, u lkoll irridu nkomplu għaddejjin b’ħajjitna. Għax il-politika f’Malta taf iddejqek, u bħalissa x’aktarx ma tridux tisimgħu aktar dwarha.

Imma żgur indunajtu li ġrat ħaġa li qatt ma ġrat qabel: l-anqas ammont ta’ nies li ħarġu jivvutaw, jiġifieri l-akbar ammont ta’ nies li baqgħu d-dar. Kien hemm bosta li ħassru l-vot. Kif ukoll, ammont kbir ta’ voti lil partiti oħra u kandidati indipendenti, fosthom ir-riżultat tiegħi li huwa l-ogħla għal kandidat indipendenti sa mill-1951. Wieħed minn kull 5 votanti dis-sena bagħat il-messaġġ li mhuwiex kuntent b’kif mixjin l-affarijiet.

Fl-istess ħin, minkejja dan il-vot, kollox baqa’ kif inhu. It-tielet partit, minkejja kwota nazzjonali, jibqa’ mhux irrappreżentat fil-Parlament. Nisa li ma ħarġux mal-PN jew mal-PL, u ġabu aktar voti mill-kandidati taż-żewġ partiti l-oħra, xorta baqgħu l-art minkejja l-mekkaniżmu tal-ġeneru, li nħadem b’tali mod li jgawdu minnu biss il-partiti l-kbar.

Il-ħajja tibqa’ għaddejja, imma li ġara fl-aħħar elezzjoni kulħadd intebaħ bih. U hemm ħafna mħassba fis-skiet, u jimmaġinaw xaqq ta’ dawl, li xi darba għad irid jidher wisq aktar, biex ninqalgħu minn din is-sitwazzjoni.

Forsi int ma ħriġtx tivvota, ħassart il-vot, ivvutajt mod ieħor għall-ewwel darba. Jew issa qtajtha li f’elezzjoni oħra, se tivvota mod ieħor. Interessat nisma’ l-fehmiet tiegħek.

Jien se nkompli bil-ħidma politika tiegħi għalik, imsaħħaħ mir-riżultat li kelli, u għalhekk nistiednek tkellimni. Hemm ħafna x’niddiskutu u x’nippjanaw flimkien, u ninsab żgur li int għandek ħafna x’toffri.

Ejja nitkellmu!

 

Arnold.

Il-fehma tiegħek / Your opinion

Il-fehma tiegħek / Your opinion

Privacy policy

Jekk tippreferi tkellimni b’mod dirett, nistiednek tuża il-buttuna tal-Messenger biex tibda diskursata miegħi. Tista’ ukoll issibni mil-paġna tal-Facebook.

www.arnoldcassola.eu